css3 buttons by Css3Menu.com



Leġjun ta' Marija

 

“Il-Leġjun ta’ Marija juri l-wiċċ veru tal-Knisja Kattolika” (Papa Ġwanni XX111)

Għaliex?

Il-Leġjun ta’ Marija huwa għaqda ta’ Kattoliċi li bl-approvazzjoni tal-Knisja u taħt it-tmexxija qawwija ta’ Marija, ingħaqdu biex flimkien jaħdmu bħala grupp fl-għalqa tal-Mulej.

L-iskop tal -Leġjun ta’ Marija hu l-glorja t’Alla permezz tal-Qdusija tal-membri tiegħu u l-evanġelizazzjoni u l-qdusija tal-bnedmin u l-formazzjoni Nisranija tal-kuxjenza tagħhom.

Il-Leġjun ta’ Marija beda fil-Belt Kapitali tal-Irlanda, Dublin, fis-7 ta’ Settembru 1921, lejliet il-festa tat-Twelid ta’ Marija u propju tlett ijiem biss wara li missirijietna nkurunaw l-istatwa tal-Bambina fl-Isla. F’ Malta beda uffiċjalment fis-sena 1940 u l-ewwel Direttur Spiritwali kien il-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila.

L-Isla kienet waħda mill-ewwel parroċċi fejn beda jiffunzjona il-Leġjun. Kienu żminijiet vera diffiċli meta l-Isla kienet ħerba waħda u madwar 20 mara ltaqgħu għall-ewwel darba fit-23 ta’ Mejju tas-sena 1943. Xahrejn wara, fit-2 ta’ Lulju, beda l-grupp tal-bniet u fl-1948 beda dak tal-irġiel. Fis-sena 1962 beda l-grupp tas-subien.

Ix-xogħol prinċipali tal-membri tal-Leġjun huwa ż-żjajjar fid-djar u visti lill-anzjani u l-morda. Il-membri jwasslu kliem ta’ faraġ, kuraġġ u tama lil dawk kollha li jżuru filwaqt li jkomplu jħeġġu għal prattika spiritwali speċjalment biex kulħadd jersaq aktar ta’ spiss lejn is-Sagramenti. In-nies jiġu mħeġġa jirreċitaw it-talba preferita tal-Madonna, ir-Rużarju. Dan isir ukoll fil-pubbliku, flimkien mal-għqdiet tal-parroċċa, fix-xhur ta’ Mejju u Ottubru. Il-membri jħeġġu ħafna għal qari tal-Bibbja u jwasslu regolarment il-ktieb “Kliem il-Ħajja” lill-abbonati kollha tal-Parroċċa.

Xogħolijiet oħra li jgħamlu l-membri huma laqgħat ta’ tagħlim għal kulħadd darba fix-xahar, kura ta’ grupp ta’ ommijiet ta’ familji u żjajjar regolari fid-djar tal-anzjani tal-Isla u ta’ Bormla fejn qed jitmexxew gruppi tal-Leġjun fost l-anzjani. Il-membri jgħinu wkoll fit-tmexxija taċ-Ċentru taż-żgħażagħ u Adoloxxenti tal-Parroċċa.

Matul il-medda ta’ snin saru diversi xogħolijiet ta’ appostolat fosthom kura tal-priġunieri Taljani li kienu Verdala fi żmien il-gwerra, laqgħat Ekunemiċi ma’ residenti barranin, qrar fil-każini, tagħlim tal-katekiżmu lil persuni li riedu jikkonvertu għar-reliġjon Kattolika, żjajjar fl-orfanatrofji, il-bidu tal-quddiesa fil-Ponta tal-Isla fi żmien il-festa u ħafna oħrajn.

Bħalissa għandna żewġ gruppi tal-Leġjun fl-Isla. Dak tal-kbar (irġiel u nisa) li jiltaqgħa fiċ-Ċentru Marija Bambina kull nhar ta’ Tlieta’ fis-6.30pm u dak taż-żgħar (subien u bniet) li jiltaqgħu ukoll nhar ta’ Tlieta fil-5.00pm. Tfal li jkunu għamlu l-Griżma u ma jibqgħux jattendu l-Mużew jiġu mħeġġa jidħlu f’dan il-grupp li jgħinhom jgħixu ħajja aħjar kemm spiritwalment kif ukoll materjalment u soċjalment.

Kull adult jista’ jsir membru tal-Leġjun ta’ Marija billi jattendi għal-laqgħa tal-Leġjun darba fil-ġimgħa u jagħmel xi forma ta’ appostolat regolari.

Il-grupp huwa mmexxi mis-Sur Lino Zahra u s-Sinjura Lilian Zahra.

Copyright © Parroċċa l-Isla, Malta. All Rights Reserved