css3 buttons by Css3Menu.com



L-Arċipriet
Rev. Kan. Robin Camilleri

Robin Camilleri twieled il-Gżira fit-30 ta' Mejju 1979 minn Victor Camilleri u Emmanuela mwielda Micallef, u ġie mgħammed fl-1979 fil-Knisja Parrokkjali ta’ Xbiex minn Patri Anġeliku Busuttil. Huwa rċieva l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja tal-Gżira u wara kompla fl-Iskola Sekondarja Vinċenzo Buġeja, Birkirkara.

Wara li temm l-iskola, Robin beda jaħdem fil-fabbrika Seifert MTM f’Ħal Far u fil-Biblioteka tal-Universita ta’ Malta u reġa’ beda jattendi l-MUSEUM fejn inkorpora bħala soċju fl-1998. Huwa serva fil-qasam tal-Gżira kif ukoll fil-qasam ta’ Ħal Luqa, fejn kien qed joqgħod f’dan l-aħħar żmien.

F'Settembru tas-sena 2005 huwa daħal is-Seminarju Maġġuri fejn beda l-formazzjoni u l-istudji tiegħu għall-ħajja saċerdotali. Tul is-seba’ snin ta’ studju fl-Università ta’ Malta u ta’ formazzjoni fis-Seminarju, huwa wettaq diversi ħidmiet f’Parroċċi differenti. Fost dawn insemmu Ħal Luqa, Żejtun, u M’Scala. Huwa wettaq ukoll ħidma missjunarja fi Sqallija ġewwa Palermo u fil-Perù fejn, fost l-oħrajn, wettaq ħidma mas-Sorijiet tal-Karità u mat-tfal morda bl-HIV.

Fis-Sajf 2011, hekk kif temm is-sitt sena tal-formazzjoni tiegħu fis-Seminarju, huwa ġie mibgħut fil-Parroċċa tal-Isla. Dun Robin ġie ordnat Djaknu minn idejn Mons. Pawl Cremona O.P., Arċisqof ta’ Malta, nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Ottubru 2011 fil-Knisja Arċipretali taż-Żejtun. Tul is-sena tad-djakonat tiegħu, Dun Robin ġie mitlub jagħti servizz pastorali fil-Parroċċa tal-Isla.

Dun Robin Camilleri ġie ordnat saċerdot mill-istess Mons. Pawl Cremona O.P., nhar il-Ġimgħa, 29 ta' Ġunju 2012 u serva bħala saċerdot fil-Parroċċa ta’ Marija Bambina, l-Isla. F’dan il-perijodu ta servizz fis-Segretarjat għall-Katekeżi. Bejn Settembru 2013 u Jannar 2014 huwa serva wkoll bħala Direttur Spiritwali fil-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST).

Fl-1 ta’ Frar 2014, Mons.Arċisqof ħatru bħala Amministratur tal-Parroċċa tal-Isla. Filwaqt li nhar is-Sibt, 12 ta’ April 2014, il-Kurja Arċiveskovili ħabbret li Dun Robin Camilleri ġie msejjaħ minn Mons. Arċisqof biex jibda jmexxi l-Parroċċa tal-Isla. Għalkemm kien tassew fl-Isla u mexxa ċ-ċelebrazzjonijiet tul ir-Randan u l-funzjonijiet tat-Tridu tal-Għid il-Kbir, id-digriet tan-nomina kien għadu ma ħariġx. Nhar il-Ħadd, 18 ta’ Mejju 2014, Dun Robin ġie nominat uffiċċjalment bħala s-sbatax-il Arċipriet u maħtur ukoll Kanonku tal-Kolleġġjata Sengleana. Mons. Charles J. Scicluna, Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali, tah il-pussess ta’ Kanonku u, waqt quddiesa solenni konċelebrata bil-Bażilika, dak ta’ Arċipriet. Ix-xhieda tiegħu għall-ġurament ta’ membru tal-Kapitlu kienu l-Kanonku Teologu Dun Mark Ellul u l-Kanonku Teżorier Dun Pawlu Schembri. Filwaqt li x-xhieda tiegħu għall-ġurament ta’ Arċipriet kienu l-Mons. Anton Gouder, Pro-Vigarju Ġenerali u Patri Hayden Williams OFM Cap.

F'Mejju tal-2015 l-Arċisqof apponta lil Kan. Camilleri sabiex jirrapreżenta l-Knisja f'Malta fin-Network tal-Leap tax-Xlokk.

E-Mail
parrocca.senglea@maltadiocese.org

Copyright © Parroċċa l-Isla, Malta. All Rights Reserved